search


interactive GDPR 2016/0679 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2016/0679 MT jump to: cercato: '   l-awtorità' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


index    l-awtorità:


whereas    l-awtorità:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 995

 

Artikolu 35

Valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data

1.   Fejn tip ta' pproċessar, b'mod partikolari bl-użu ta' teknoloġiji ġodda, u waqt li jittieħed kont tan-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-finijiet tal-ipproċessar, x'aktarx jirriżulta f'livell għoli ta' riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, il-kontrollur għandu, qabel l-ipproċessar, iwettaq valutazzjoni tal-impatt tal-attivitajiet ta' pproċessar previsti fuq il-protezzjoni tad-data personali. Valutazzjoni waħda tista' tindirizza sett ta' operazzjonijiet tal-ipproċessar simili li jippreżentaw riskji għolja simili.

2.   Il-kontrollur għandu jfittex il-parir tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, fejn ikun maħtur, meta jwettaq valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data.

3.   Valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data msemmija fil-paragrafu 1 għandha b'mod partikolari tkun meħtieġa fil-każ ta':

(a)

evalwazzjoni sistematika u estensiva tal-aspetti personali relatati ma' persuni fiżiċi, li hija bbażata fuq l-ipproċessar awtomatizzat, inkluż it-tfassil tal-profili, u li fuqhom huma bbażati deċiżjonijiet li jipproduċu effetti legali li jikkonċernaw lill-persuna fiżika jew li jaffettwaw b'mod sinifikanti b'mod simili lill-persuna fiżika;

(b)

l-ipproċessar fuq skala kbira ta' kategoriji speċjali ta' data msemmija fl-Artikolu 9(1), jew ta' data personali relatata ma' kundanni kriminali u reati msemmija fl-Artikolu 10; jew

(c)

il-monitoraġġ sistematiku ta' żona aċċessibbli għall-pubbliku fuq skala kbira.

4.   l-awtorità superviżorja għandha tistabbilixxi u tippubblika lista tat-tipi ta' attivitajiet ta' pproċessar li huma soġġetti għat-talba ta' valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data skont il-paragrafu 1. L-awtorità superviżorja għandha tikkomunika dawk il-listi lill-Bord imsemmi fl-Artikolu 68.

5.   l-awtorità superviżorja tista' wkoll tistabbilixxi u tippubblika lista tat-tipi ta' attivitajiet ta' pproċessar li għalihom ma tkun meħtieġa l-ebda valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data. L-awtorità superviżorja għandha tikkomunika dawn il-listi lill-Bord.

6.   Qabel l-adozzjoni tal-listi msemmija fil-paragrafi 4 u 5, l-awtorità superviżorja kompetenti għandha tapplika l-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikolu 63 fejn tali listi jinvolvu attivitajiet ta' pproċessar li huma marbuta mal-offerta ta' oġġetti jew servizzi lis-suġġetti tad-data jew għall-monitoraġġ tal-imġiba tagħhom f'diversi Stati Membri, jew li jista' jaffettwa sostanzjalment il-moviment ħieles tad-data personali fl-Unjoni.

7.   Il-valutazzjoni għandha tinkludi minn tal-inqas:

(a)

deskrizzjoni sistematika tal-operazzjonijiet ta' pproċessar previsti u l-iskopijiet tal-ipproċessar, inkluż fejn applikabbli l-interess leġittimu mfittex mill-kontrollur;

(b)

valutazzjoni tal-bżonn u l-proporzjonalità tal-operazzjonijiet ta' pproċessar b'rabta mal-iskopijiet;

(c)

valutazzjoni tar-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data msemmija fil-paragrafu 1; u

(d)

il-miżuri previsti biex jindirizzaw ir-riskji, inkluż is-salvagwardji, miżuri ta' sigurtà u mekkaniżmi li jiżguraw il-protezzjoni ta' data personali u li juru l-konformità ma' dan ir-Regolament, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-drittijiet u l-interessi leġittimi tas-suġġetti tad-data u persuni oħrajn ikkonċernati.

8.   Il-konformità ma' kodiċi ta' kondotta approvati msemmija fl-Artikolu 40 mill-kontrolluri jew proċessuri rilevanti għandu jittieħed kont tagħhom fil-valutazzjoni tal-impatt tal-attivitajiet ta' pproċessar imwettqa minn tali kontrolluri jew proċessuri, b'mod partikolari għall-finijiet ta' valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data.

9.   Fejn xieraq, il-kontrollur għandu jfittex il-fehmiet tas-suġġetti tad-data jew tar-rappreżentanti tagħhom dwar l-ipproċessar maħsub, mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni ta' interessi kummerċjali jew pubbliċi jew għas-sigurtà tal-attivitajiet ta' pproċessar.

10.   Fejn l-ipproċessar skont il-punt (c) jew (e) tal-Artikolu 6(1) ikollu bażi legali fil-liġi tal-Unjoni jew fil-liġi tal-Istat Membru li l-kontrollur huwa suġġett għaliha, u dik il-liġi tirregola l-operazzjoni jew is-sett ta' operazzjonijiet ta' pproċessar speċifiċi inkwistjoni, u tkun diġà ġiet imwettqa valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data bħala parti minn valutazzjoni tal-impatt ġenerali fil-kuntest tal-adozzjoni ta' dik il-bażi legali, il-paragrafi 1 sa 3 ma għandhomx japplikaw sakemm l-Istati Membri ma jqisux li jkun meħtieġ li ssir tali valutazzjoni qabel l-attivitajiet tal-ipproċessar.

11.   Fejn meħtieġ, il-kontrollur għandu jwettaq rieżami biex jevalwa jekk l-ipproċessar ikunx qed isir f'konformità mal-valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data mill-inqas meta jkun hemm bidla fir-riskju mill-operazzjonijiet ta' pproċessar.

Artikolu 41

Monitoraġġ ta' kodiċijiet ta' kondotta approvati

1.   Mingħajr preġudizzju għall-kompiti u s-setgħat tal-awtorità superviżorja kompetenti taħt l-Artikoli 57 u 58, il-monitoraġġ tal-konformità ma' kodiċi ta' kondotta skont l-Artikolu 40, jista' jitwettaq minn korp li għandu l-livell xieraq ta' għarfien espert b'rabta mas-suġġett tal-kodiċi u huwa akkreditat għal dak il-għan mill-awtorità superviżorja kompetenti.

2.   Korp kif imsemmi fil-paragrafu 1 jista' jiġi akkreditat biex jimmonitorja konformita' ma' kodiċi ta' kondotta fejn dak il-korp:

(a)

ikun wera l-indipendenza u l-għarfien espert tiegħu b'rabta mas-suġġett tal-kodiċi għas-sodisfazzjon tal-awtorità superviżorja kompetenti;

(b)

ikun stabbilixxa proċeduri li jippermettu li jivvaluta l-eliġibbiltà tal-kontrolluri u l-proċessuri kkonċernati bl-applikazzjoni tal-kodiċi, biex jissorveljaw il-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet tiegħu u biex iwettqu rieżami tal-attività tiegħu b'mod perjodiku;

(c)

ikun stabbilixxa proċeduri u strutturi biex jittratta lmenti dwar ksur tal-kodiċi jew il-mod li bih il-kodiċi ġie, jew qed jiġi, implimentat minn kontrollur jew proċessur, u biex dawk il-proċeduri u strutturi jkunu trasparenti għas-suġġetti tad-data u għall-pubbliku; u

(d)

huwa wera għas-sodisfazzjon tal-awtorità superviżorja kompetenti li l-kompiti u d-dmirijiet tiegħu ma jirriżultawx f'konflitt ta' interessi.

3.   l-awtorità superviżorja kompetenti għandha tippreżenta l-abbozz ta' kriterji għall-akkreditazzjoni ta' korp kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għall-Bord skont il-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikolu 63.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-kompiti u s-setgħat tal-awtorità superviżorja kompetenti u għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VIII, korp kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu, soġġett għas-salvagwardji xierqa, jieħu azzjoni xierqa f'każijiet ta' ksur tal-kodiċi minn kontrollur jew proċessur, inkluż is-sospensjoni jew l-esklużjoni tal-kontrollur jew proċessur kkonċernat mill-kodiċi. Huwa għandu jinforma lill-awtorità superviżorja kompetenti b'dawn l-azzjonijiet u r-raġunijiet għaliex ittieħdu.

5.   l-awtorità superviżorja kompetenti għandha tirrevoka l-akkreditazzjoni ta' korp kif imsemmi fil-paragrafu 1 jekk il-kondizzjonijiet għall-akkreditazzjoni ma jkunux milħuqa jew m'għadhomx jintlaħqu jew fejn azzjonijiet meħuda mill-korp jiksru dan ir-Regolament.

6.   Dan l-Artikolu m'għandux japplika għall-ipproċessar imwettaq mill-awtoritajiet u l-korpi pubbliċi.

Artikolu 46

Trasferimenti soġġetti għal salvagwardji xierqa

1.   Fin-nuqqas ta' deċiżjoni skont l-Artikolu 45(3), kontrollur jew proċessur jista' jittrasferixxi data personali lejn pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali biss jekk il-kontrollur jew il-proċessur ikun ipprovda salvagwardji xierqa, u bil-kondizzjoni li jkunu disponibbli drittijiet infurzabbli tas-suġġett tad-data u rimedji legali effettivi għas-suġġetti tad-data.

2.   Is-salvagwardji xierqa msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jkunu previsti, mingħajr ma jkun jinħtieġ ebda awtorizzazzjoni speċifika minn awtorità superviżorja, permezz ta':

(a)

strument legalment vinkolanti u infurzabbli bejn awtoritajiet jew korpi pubbliċi;

(b)

regoli korporattivi vinkolanti f'konformità mal-Artikolu 47;

(c)

klawżoli standard ta' protezzjoni tad-data adottati mill-Kummissjoni f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2);

(d)

klawżoli standard ta' protezzjoni tad-data adottati minn awtorità superviżorja u approvati mill-Kummissjoni skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2); jew

(e)

kodiċi ta' kondotta approvat skont l-Artikolu 40 flimkien ma' impenji vinkolanti u infurzabbli tal-kontrollur jew il-proċessur fil-pajjiż terz biex jiġu applikati s-salvagwardji xierqa, inkluż fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data; jew

(f)

mekkaniżmu approvat ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 42 flimkien ma' impenji vinkolanti u infurzabbli tal-kontrollur jew il-proċessur fil-pajjiż terz biex jiġu applikati s-salvagwardji xierqa, inkluż fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data.

3.   Soġġett għall-awtorizzazzjoni mill-awtorità superviżorja kompetenti, is-salvagwardji xierqa msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu wkoll jiġu previsti, B'mod partikolari permezz ta':

(a)

klawżoli kuntrattwali bejn il-kontrollur jew il-proċessur u l-kontrollur, il-proċessur jew ir-riċevitur tad-data personali fil-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali; jew

(b)

dispożizzjonijiet li għandhom jiddaħħlu f'arranġamenti amministrattivi bejn l-awtoritajiet jew il-korpi pubbliċi li jinkludu drittijiet infurzabbli u effettivi tas-suġġett tad-data.

4.   l-awtorità superviżorja għandha tapplika l-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikolu 63 fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

5.   L-awtorizzazzjonijiet minn Stat Membru jew awtorità superviżorja abbażi tal-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 95/46/KE għandhom jibqgħu validi sakemm jiġu emendati, sostitwiti jew imħassra, jekk meħtieġ, minn dik l-awtorità superviżorja. Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 26(4) tad-Direttiva 95/46/KE għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm jiġu emendati, sostitwiti jew imħassra, jekk meħtieġ, minn Deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata f'konformità mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 47

Regoli korporattivi vinkolanti

1.   l-awtorità superviżorja kompetenti għandha tapprova regoli korporattivi vinkolanti f'konformità mal-mekkaniżmu ta' konsistenza stabbilita fl-Artikolu 63, dment li dawn:

(a)

ikunu legalment vinkolanti u japplikaw għal, u jkunu infurzati minn, kull membru kkonċernat tal-grupp ta' impriżi, jew il-grupp ta' intrapriżi involuti f'attività ekonomika konġunta, inklużi l-impjegati tagħhom;

(b)

espressament jikkonferixxu drittijiet infurzabbli lis-suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom; u

(c)

jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 2.

2.   Ir-regoli korporattivi vinkolanti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jispeċifikaw tal-anqas:

(a)

l-istruttura u d-dettalji ta' kuntatt tal-grupp ta' impriżi, jew grupp ta' intrapriżi involuti f'attività ekonomika konġunta u ta' kull wieħed mill-membri tiegħu;

(b)

it-trasferimenti tad-data jew is-sett ta' trasferimenti, inklużi l-kategoriji ta' data personali, it-tip ta' pproċessar u l-għanijiet tiegħu, it-tip ta' suġġetti tad-data affettwati u l-identifikazzjoni tal-pajjiż jew il-pajjiżi terzi inkwistjoni;

(c)

in-natura legalment vinkolanti tagħhom, kemm internament kif ukoll esternament;

(d)

l-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tad-data, b'mod partikolari l-limitazzjoni tal-għan, il-minimizzazzjoni tad-data, il-perijodi ta' ħżin limitati, il-kwalità tad-data, il-protezzjoni tad-data mid-disinn u b'mod awtomatiku, il-bażi legali għall-ipproċessar, l-ipproċessar ta' kategoriji speċjali ta' data personali, il-miżuri li jiżguraw is-sigurtà tad-data, u r-rekwiżiti fir-rigward ta' trasferimenti ulterjuri lejn korpi li ma jkunux marbuta bir-regoli korporattivi vinkolanti;

(e)

id-drittijiet tas-suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar u l-mezzi għall-eżerċitar ta' dawk id-drittijiet, inkluż id-dritt li wieħed ma jkunx soġġett għal deċiżjonijiet ibbażati biss fuq ipproċessar awtomatizzat, inkluż it-tfassil ta' profili f'konformità mal-Artikolu 22, id-dritt li wieħed iressaq ilment mal-awtorità superviżorja kompetenti u quddiem il-qrati kompetenti tal-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 79, u li wieħed jikseb rimedju u, fejn xieraq, kumpens għal ksur tar-regoli korporattivi vinkolanti;

(f)

l-aċċettazzjoni mill-kontrollur jew il-proċessur stabbilit fit-territorju ta' Stat Membru tar-responsabbiltà għal kwalunkwe ksur tar-regoli korporattivi vinkolanti minn kwalunkwe membru kkonċernat mhux stabbilit fl-Unjoni; il-kontrollur jew il-proċessur għandu jkun eżentat minn dik ir-responsabbiltà, b'mod sħiħ jew parzjali, biss jekk jagħti prova li dak il-membru mhuwiex responsabbli għall-avveniment li ħoloq id-dannu;

(g)

kif l-informazzjoni dwar ir-regoli korporattivi vinkolanti, b'mod partikolari dwar id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti (d), (e) u (f) ta' dan il-paragrafu tiġi pprovduta lis-suġġetti tad-data flimkien mal-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 13 u 14;

(h)

il-kompiti ta' kwalunkwe uffiċjal tal-protezzjoni tad-data maħtur f'konformità mal-Artikolu 37 jew kwalunkwe persuna jew entità oħra inkarigata mill-monitoraġġ tal-konformità mar-regoli korporattivi vinkolanti fil-grupp ta' impriżi, jew grupp ta' intrapriżi involuti f'attività ekonomika konġunta, kif ukoll il-monitoraġġ tat-taħriġ u l-ġestjoni tal-ilmenti;

(i)

il-proċeduri tal-ilmenti;

(j)

il-mekkaniżmi fil-grupp ta' impriżi, jew grupp ta' intrapriżi involuti f'attività ekonomika konġunta li jiżguraw il-verifika tal-konformità mar-regoli korporattivi vinkolanti. Tali mekkaniżmi għandhom jinkludu awditi tal-protezzjoni tad-data u metodi li jiżguraw azzjonijiet korrettivi għall-protezzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data. Ir-riżultati ta' tali verifika għandhom jiġu kkomunikati lill-persuna jew l-entità msemmija fil-punt (h) u lill-bord tal-impriża ta' kontroll ta' grupp ta' impriżi jew tal-grupp ta' intrapriżi involuti f'attività ekonomika konġunta, u għandhom ikunu disponibbli, fuq talba, għall-awtorità superviżorja kompetenti;

(k)

il-mekkaniżmi għar-rappurtar u r-reġistrazzjoni ta' bidliet fir-regoli u r-rappurtar ta' dawk il-bidliet lill-awtorità superviżorja;

(l)

il-mekkaniżmu ta' kooperazzjoni mal-awtorità superviżorja biex tiġi żgurata konformità minn kwalunkwe membru tal-grupp ta' impriżi, jew grupp ta' intrapriżi involuti f'attività ekonomika konġunta, b'mod partikolari billi jagħmel disponibbli għall-awtorità superviżorja r-riżultati ta' verifiki tal-miżuri msemmija fil-punt (j);

(m)

il-mekkaniżmi għar-rappurtar lill-awtorità superviżorja kompetenti ta' kwalunkwe rekwiżit legali li għalih membru tal-grupp ta' impriżi jew grupp ta' intrapriżi involuti f'attività ekonomika konġunta ikun soġġett f'pajjiż terz li x'aktarx jista' jkollu effett negattiv sostanzjali fuq il-garanziji previsti mir-regoli korporattivi vinkolanti; u

(n)

it-taħriġ xieraq fil-protezzjoni tad-data lil persunal li jkollu aċċess permanenti jew regolari għad-data personali.

3.   Il-Kummissjoni tista' tispeċifika l-format u l-proċeduri għall-iskambju ta' informazzjoni bejn kontrolluri, proċessuri u awtoritajiet superviżorji għar-regoli korporattivi vinkolanti fis-sens ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami stabbilita fl-Artikolu 93(2).

Artikolu 56

Kompetenza tal-awtorità superviżorja ewlenija

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 55, l-awtorità superviżorja tal-istabbiliment ewlieni jew tal-istabbiliment uniku tal-kontrollur jew il-proċessur għandha tkun kompetenti biex taġixxi bħala l-awtorità superviżorja ewlenija għall-ipproċessar transkonfinali li jsir minn dak il-kontrollur jew proċessur f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 60.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, kull awtorità superviżorja għandha tkun kompetenti biex tittratta lment imressaq lilha jew ksur possibbli ta' dan ir-Regolament, jekk is-suġġett ikun marbut biss ma' stabbiliment fl-Istat Membru tagħha jew jaffettwa b'mod sostanzjali suġġetti tad-data fl-Istat Membru tagħha biss.

3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-awtorità superviżorja għandha tinforma lill-awtorità superviżorja ewlenija mingħajr dewmien dwar dik il-kwistjoni. F'perijodu ta' tliet ġimgħat wara li tiġi infurmata l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tiddeċiedi jekk hux ser tittratta l-każ f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 60, billi tieħu kont ta' jekk hemm jew m'hemmx stabbiliment tal-kontrollur jew il-proċessur fl-Istat Membru li l-awtorità superviżorja tkun infurmatha bih.

4.   Fejn l-awtorità superviżorja ewlenija tiddeċiedi li tittratta l-każ, għandha tapplika l-proċedura prevista fl-Artikolu 60. L-awtorità superviżorja li tkun infurmat lill-awtorità superviżorja ewlenija tista' tissottometti abbozz għal deċiżjoni lill-awtorità superviżorja ewlenija. L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tieħu kont bl-akbar reqqa dak l-abbozz meta tkun qed tħejji l-abbozz ta' deċiżjoni msemmi fl-Artikolu 60(3).

5.   Fejn il-awtorità superviżorja ewlenija tiddeċiedi li ma tittrattax il-każ, l-awtorità superviżorja li tkun infurmat lill-awtorità superviżorja ewlenija għandha tittrattah skont l-Artikoli 61 u 62.

6.   l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tkun l-interlokutur uniku tal-kontrollur jew il-proċessur għall-ipproċessar transkonfinali li jsir minn dak il-kontrollur jew proċessur.

Artikolu 60

Kooperazzjoni bejn l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati oħra

1.   l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tikkoopera mal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra f'konformità ma' dan l-Artikolu fi sforz biex jintlaħaq kunsens. L-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati għandhom jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti kollha bejniethom.

2.   l-awtorità superviżorja ewlenija tista' titlob fi kwalunkwe ħin lil awtoritajiet superviżorji kkonċernati oħra biex jipprovdu assistenza reċiproka skont l-Artikolu 61 u tista' twettaq operazzjonijiet konġunti skont l-Artikolu 62, b'mod partikolari għat-twettiq ta' investigazzjonijiet jew għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' miżura li tikkonċerna kontrollur jew proċessur stabbilit fi Stat Membru ieħor.

3.   l-awtorità superviżorja ewlenija għandha, mingħajr dewmien, tikkomunika l-informazzjoni rilevanti dwar il-kwistjoni lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra. Hija għandha tissottometti mingħajr dewmien abbozz ta' deċiżjoni lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra għall-opinjoni tagħhom u tieħu kont tal-fehmiet tagħhom.

4.   Fejn kwalunkwe mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra f'perijodu ta' żmien ta' erba' ġimgħat wara li tkun ġiet ikkonsultata f'konformità mal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, tesprimi oġġezzjoni rilevanti u motivata għall-abbozz ta' deċiżjoni, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha, jekk ma ssegwix l-oġġezzjoni rilevanti u motivata jew tkun tal-fehma li l-oġġezzjoni mhijiex rilevanti jew motivata, tissottometti l-kwistjoni lill-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikolu 63.

5.   Fejn l-awtorità superviżorja ewlenija biħsiebha ssegwi l-oġġezzjoni rilevanti u motivata li saret, għandha tissottometti abbozz rivedut ta' deċiżjoni lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra għall-opinjoni tagħhom. Dak l-abbozz rivedut ta' deċiżjoni għandu jkun soġġett għall-proċedura msemmija fil-paragrafu 4 f'perijodu ta' żmien ta' ġimagħtejn.

6.   Fejn l-ebda waħda mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra ma tkun oġġezzjonat għall-abbozz ta' deċiżjoni sottomess mill-awtorità superviżorja ewlenija fil-perijodu msemmi fil-paragrafi 4 u 5, l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati għandhom jitqiesu li qed jaqblu ma' dak l-abbozz ta' deċiżjoni u għandhom ikunu marbuta bih.

7.   l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tadotta u tinnotifika d-deċiżjoni lill-istabbiliment ewlieni jew l-istabbiliment uniku tal-kontrollur jew il-proċessur, skont kif ikun il-każ, u tinforma l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra u lill-Bord dwar id-deċiżjoni inkwistjoni inkluż ġabra fil-qosor tal-fatti u r-raġunijiet rilevanti. L-awtorità superviżorja li quddiemha jitressaq ilment għandha tinforma lill-ilmentatur bid-deċiżjoni.

8.   B'deroga mill-paragrafu 7, fejn ilment jitwarrab jew jiġi miċħud, l-awtorità superviżorja li quddiemha tressaq l-ilment għandha tadotta d-deċiżjoni u tinnotifikaha lill-ilmentatur u għandha tinforma lill-kontrollur b'din.

9.   Fejn l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati jaqblu li jwarrbu jew jiċħdu partijiet ta' lment u li jieħdu azzjoni dwar partijiet oħra ta' dak l-ilment, għandha tiġi adottata deċiżjoni separata għal kull waħda minn dawk il-partijiet tal-kwistjoni. L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tadotta d-deċiżjoni għall-parti li tikkonċerna azzjonijiet b'rabta mal-kontrollur, għandha tinnotifikaha lill-istabbiliment ewlieni jew l-istabbiliment uniku tal-kontrollur jew il-proċessur fit-territorju tal-Istat Membru tiegħu u għandha tinforma lill-ilmentatur b'dan, waqt li l-awtorità superviżorja tal-ilmentatur għandha tadotta d-deċiżjoni għall-parti li tikkonċerna t-twarrib jew iċ-ċaħda ta' dak l-ilment, u għandha tinnotifikaha lil dak l-ilmentatur u għandha tinforma lill-kontrollur jew il-proċessur b'dan.

10.   Wara li jkun ġie notifikat bid-deċiżjoni tal-awtorità superviżorja ewlenija skont il-paragrafi 7 u 9, il-kontrollur jew il-proċessur għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata konformità mad-deċiżjoni fir-rigward tal-attivitajiet ta' pproċessar fil-kuntest tal-istabbilimenti kollha tiegħu fl-Unjoni. Il-kontrollur jew il-proċessur għandu jinnotifika l-miżuri meħuda għall-konformità mad-deċiżjoni lill-awtorità superviżorja ewlenija, li għandha tinforma lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra.

11.   Fejn, f'ċirkostanzi eċċezzjonali, awtorità superviżorja kkonċernata jkollha raġunijiet biex tqis li hemm ħtieġa urġenti li taġixxi sabiex tipproteġi l-interessi ta' suġġetti tad-data, għandha tapplika l-proċedura ta' urġenza msemmija fl-Artikolu 66.

12.   l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa taħt dan l-Artikolu lil xulxin b'mezzi elettroniċi, bl-użu ta' format standardizzat.

Artikolu 61

Assistenza reċiproka

1.   L-awtoritajiet superviżorji għandhom jipprovdu lil xulxin b'informazzjoni rilevanti u assistenza reċiproka sabiex jimplimentaw u japplikaw dan ir-Regolament b'mod konsistenti, u għandhom jistabbilixxu miżuri għal kooperazzjoni effettiva ma' xulxin. L-assistenza reċiproka għandha tkopri, b'mod partikolari, talbiet ta' informazzjoni u miżuri superviżorji, bħal talbiet biex jitwettqu awtorizzazzjonijiet u konsultazzjonijiet minn qabel, ispezzjonijiet u investigazzjonijiet.

2.   Kull awtorità superviżorja għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex twieġeb għal talba ta' awtorità superviżorja oħra mingħajr dewmien mhux dovut u sa mhux aktar tard minn xahar wara li tirċievi t-talba. Tali miżuri jistgħu jinkludu, b'mod partikolari, it-trażmissjoni ta' informazzjoni rilevanti dwar it-twettiq ta' investigazzjoni.

3.   It-talbiet għall-assistenza għandhom jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa, inkluż l-għan u r-raġunijiet għat-talba. L-informazzjoni skambjata għandha tintuża biss għall-għan li għalih intalbet.

4.   l-awtorità superviżorja ma għandhiex tirrifjuta li tikkonforma mat-talba ħlief jekk:

(a)

mhijiex kompetenti għas-suġġett tat-talba jew għall-miżuri li qed tintalab teżegwixxi; jew

(b)

il-konformità mat-talba ma tkunx kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jew mal-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li tkun soġġetta għaliha l-awtorità superviżorja li ssirilha t-talba.

5.   l-awtorità superviżorja li ssirilha t-talba għandha tinforma lill-awtorità superviżorja li tagħmel it-talba dwar ir-riżultati jew, skont kif ikun il-każ, dwar il-progress jew il-miżuri meħuda sabiex twieġeb għat-talba. L-awtorità superviżorja mitluba għandha tipprovdi r-raġunijiet għal kwalunkwe rifjut ta' konformità ma' talba.

6.   L-awtoritajiet superviżorji mitluba għandhom, bħala regola, jipprovdu l-informazzjoni mitluba minn awtoritajiet superviżorji oħra b'mezzi elettroniċi, permezz ta' format standardizzat.

7.   L-awtoritajiet superviżorji mitluba ma għandhom jitolbu ebda tariffa għal kwalunkwe azzjoni meħuda minnhom f'konformità ma' talba għal assistenza reċiproka. L-awtoritajiet superviżorji jistgħu jaqblu dwar regoli biex jindennizzaw lil xulxin għal infiq speċifiku li jirriżulta mill-għoti ta' assistenza reċiproka f'ċirkostanzi eċċezzjonali.

8.   Fejn awtorità superviżorja ma tipprovdix l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu fi żmien xahar minn meta tirċievi t-talba minn awtorità superviżorja oħra, l-awtorità superviżorja li tagħmel it-talba tista' tadotta miżura proviżorja fit-territorju tal-Istat Membru tagħha f'konformità mal-Artikolu 55(1). F'dak il-każ, il-ħtieġa urġenti li taġixxi skont l-Artikolu 66(1) għandha tkun preżunta li ġiet sodisfatta u teħtieġ deċiżjoni vinkolanti urġenti mill-Bord skont l-Artikolu 66(2).

9.   Il-Kummissjoni tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tispeċifika l-format u l-proċeduri għall-assistenza reċiproka msemmija f'dan l-Artikolu u l-arranġamenti għall-iskambju ta' informazzjoni b'mezzi elettroniċi fost l-awtoritajiet superviżorji, u bejn l-awtoritajiet superviżorji u l-Bord, b'mod partikolari l-format standardizzat imsemmi fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2).

Artikolu 64

Opinjoni tal-Bord

1.   Il-Bord għandu joħroġ opinjoni fejn awtorità superviżorja kompetenti tkun biħsiebha tadotta kwalunkwe waħda mill-miżuri hawn taħt. Għal dak il-għan, l-awtorità superviżorja kompetenti għandha tikkomunika l-abbozz ta' deċiżjoni lill-Bord, meta hija:

(a)

ikollha l-għan li tadotta lista tal-operazzjonijiet ta' pproċessar soġġetta għar-rekwiżit għal valutazzjoni tal-impatt tal-protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 35(4);

(b)

tikkonċerna suġġett skont l-Artikolu 40(7) jekk abbozz ta' kodiċi ta' kondotta jew emenda jew estensjoni ta' kodiċi ta' kondotta jkunux konformit ma' dan ir-Regolament;

(c)

ikollha l-għan li tapprova l-kriterji għall-akkreditazzjoni ta' korp skont l-Artikolu 41(3) jew korp ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 43(3);

(d)

ikollha l-għan li tiddetermina l-klawżoli standard ta' protezzjoni tad-data msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 46(2) u fl-Artikolu 28(8);

(e)

ikollha l-għan li tawtorizza l-klawżoli kuntrattwali msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 46(3); jew

(f)

ikollha l-għan li tapprova regoli korporattivi vinkolanti fis-sens tal-Artikolu 47.

2.   Kwalunkwe awtorità superviżorja, il-President tal-Bord jew il-Kummissjoni tista' titlob li kwalunkwe kwistjoni ta' applikazzjoni ġenerali jew li jkollha effetti f'aktar minn Stat Membru wieħed tiġi eżaminata mill-Bord bil-ħsieb li tinkiseb opinjoni, b'mod partikolari fejn awtorità superviżorja kompetenti ma tkunx f'konformità mal-obbligi ta' assistenza reċiproka f'konformità mal-Artikolu 61 jew għal operazzjonijiet konġunti f'konformità mal-Artikolu 62.

3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Bord għandu joħroġ opinjoni dwar is-suġġett sottomess lilu dment li ma jkunx diġà ħareġ opinjoni dwar l-istess suġġett. Dik l-opinjoni għandha tiġi adottata fi żmien tmien ġimgħat b'maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Bord. Dak il-perijodu jista' jiġi estiż b'sitt ġimgħat oħra, filwaqt li jittieħed kont tal-kumplessità tas-suġġett. Fir-rigward tal-abbozz ta' deċiżjoni msemmi fil-paragrafu 1 iċċirkolat lill-membri tal-Bord f'konformità mal-paragrafu 5, membru li ma jkunx oġġezzjona f'perijodu raġonevoli indikat mill-President għandu jitqies li jkun qabel mal-abbozz ta' deċiżjoni.

4.   L-awtoritajiet superviżorji u l-Kummissjoni għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jikkomunikaw b'mod elettroniku lill-Bord, bl-użu ta' format standardizzat kwalunkwe informazzjoni rilevanti, inkluż skont kif ikun il-każ sommarju tal-fatti, l-abbozz ta' deċiżjoni, ir-raġunijiet li jagħmlu l-mogħdija ta' tali miżura meħtieġa, u l-fehmiet ta' awtoritajiet superviżorji kkonċernati oħra.

5.   Il-President tal-Bord għandu, mingħajr dewmien żejjed, jinforma b'mod elettroniku:

(a)

lill-membri tal-Bord u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe informazzjoni rilevanti li tkun ġiet ikkomunikata lilu bl-użu ta' format standardizzat. Is-segretarjat tal-Bord għandu jipprovdi, fejn meħtieġ, traduzzjonijiet ta' informazzjoni rilevanti; u

(b)

lill-awtorità superviżorja msemmija, skont kif ikun il-każ, fil-paragrafi 1 u 2, u lill-Kummissjoni dwar l-opinjoni u jagħmilha pubblika.

6.   l-awtorità superviżorja kompetenti ma għandhiex tadotta l-abbozz ta' deċiżjoni tagħha msemmi fil-paragrafu 1 fil-perijodu msemmi fil-paragrafu 3.

7.   l-awtorità superviżorja msemmija fil-paragrafu 1 għandha tieħu kont bl-akbar reqqa tal-opinjoni tal-Bord u fi żmien ġimagħtejn wara li tirċievi l-opinjoni, għandha tikkomunika lill-President tal-Bord b'mod elettroniku jekk ser iżżomm jew temenda l-abbozz ta' deċiżjoni tagħha u, jekk ikun hemm, l-abbozz emendat ta' deċiżjoni, bl-użu ta' format standardizzat.

8.   Fejn l-awtorità superviżorja kkonċernata tinforma lill-President tal-Bord fil-perijodu msemmi fil-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu li hija ma tkunx biħsiebha ssegwi, b'mod sħiħ jew parzjali, l-opinjoni tal-Bord, filwaqt li tagħti r-raġunijiet rilevanti, għandu japplika l-Artikolu 65(1).

Artikolu 65

Soluzzjoni għat-tilwim mill-Bord

1.   Sabiex jiżgura l-applikazzjoni korretta u konsistenti ta' dan ir-Regolament f'każijiet individwali, il-Bord għandu jadotta deċiżjoni vinkolanti fil-każijiet li ġejjin:

(a)

fejn, f'każ imsemmi fl-Artikolu 60(4), awtorità superviżorja kkonċernata tkun qajmet oġġezzjoni rilevanti u motivata għal abbozz ta' deċiżjoni tal-awtorità ewlenija jew l-awtorità ewlenija tkun ċaħdet tali oġġezzjoni għar-raġuni li ma tkunx rilevanti jew motivata. Id-deċiżjoni vinkolanti għandha tikkonċerna l-kwistjonijiet kollha li jkunu s-suġġett tal-oġġezzjoni rilevanti u motivata, b'mod partikolari jekk ikunx hemm ksur ta' dan ir-Regolament;

(b)

fejn ikun hemm fehmiet konfliġġenti dwar liema mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati tkun kompetenti għall-istabbiliment ewlieni;

(c)

fejn awtorità superviżorja kompetenti ma titlobx l-opinjoni tal-Bord fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 64(1), jew ma ssegwix l-opinjoni tal-Bord maħruġa taħt l-Artikolu 64. F'dak il-każ, kwalunkwe awtorità superviżorja kkonċernata jew il-Kummissjoni tista' tikkomunika l-kwistjoni lill-Bord.

2.   Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi adottata fi żmien xahar mir-riferiment tas-suġġett minn maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tal-Bord. Dak il-perijodu jista' jiġi estiż għal xahar ieħor filwaqt li jittieħed kont tal-kumplessità tas-suġġett. Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun motivata u indirizzata lill-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati kollha u tkun vinkolanti għalihom.

3.   Fejn il-Bord ma setax jadotta deċiżjoni fil-perijodi msemmija fil-paragrafu 2, huwa għandu jadotta d-deċiżjoni tiegħu fi żmien ġimagħtejn wara l-iskadenza tat-tieni xahar imsemmi fil-paragrafu 2 b'maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Bord. Fejn ikun hemm qasma indaqs bejn il-membri tal-Bord, id-deċiżjoni għandha tiġi adottata permezz tal-vot tal-President tiegħu.

4.   L-awtoritajiet superviżorji kkonċernati m'għandhomx jadottaw deċiżjoni dwar is-suġġett ippreżentat lill-Bord skont il-paragrafu 1 matul il-perijodi msemmija fil-paragrafi 2 u 3.

5.   Il-President tal-Bord għandu jinnotifika, mingħajr dewmien żejjed, id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati. Huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dan. Id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fuq is-sit elettroniku tal-Bord mingħajr dewmien wara li l-awtorità superviżorja tkun innotifikat id-deċiżjoni finali msemmija fil-paragrafu 6.

6.   l-awtorità superviżorja ewlenija jew, skont kif ikun il-każ, l-awtorità superviżorja li quddiemha jitressaq l-ilment, għandha tadotta d-deċiżjoni finali tagħha abbażi tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn xahar wara li l-Bord jkun innotifika d-deċiżjoni tiegħu. L-awtorità superviżorja ewlenija jew, skont kif ikun il-każ, l-awtorità superviżorja li quddiemha jitressaq l-ilment, għandha tinforma lill-Bord dwar id-data meta d-deċiżjoni finali tagħha tkun ġiet innotifikata lill-kontrollur jew il-proċessur u lis-suġġett tad-data rispettivament. Id-deċiżjoni finali tal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati għandha tiġi adottata taħt it-termini tal-Artikolu 60(7), (8) u (9). Id-deċiżjoni finali għandha tirreferi għad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u għandha tispeċifika li d-deċiżjoni msemmija f'dak il-paragrafu ser tiġi ppubblikata fuq is-sit elettroniku tal-Bord f'konformità mal-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu. Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tkun mehmuża mad-deċiżjoni finali.

Artikolu 77

Dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja

1.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju ieħor, kull suġġett tad-data għandu d-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja, b'mod partikolari fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu, il-post tax-xogħol tiegħu jew il-post tal-ksur allegat, jekk is-suġġett tad-data jqis li l-ipproċessar ta' data personali dwaru jikser dan ir-Regolament.

2.   l-awtorità superviżorja li magħha jkun sar l-ilment għandha tinforma lill-ilmentatur dwar il-progress u l-eżitu tal-ilment inkluża l-possibbiltà ta' rimedju ġudizzjarju skont l-Artikolu 78.


whereas

dal 2004 diritto e informatica